FIl-15 ta’ Marzu l-klassijiet tat-Tieni Sena kellhom festin tal-ktieb. L-istudenti u l-għalliema għażlu l-ktieb favorit tagħhom u libsu kostum ta’ karattru msemmi fl-istorja. Għal din l-attività ġie mistieden l-awtur Trevor Żahra. Trevor Żahra qara żewġ rakkonti minn tiegħu lill-istudenti ż-żgħar u wara wieġeb xi mistoqsijiet mingħand dawn l-istess studenti. Uħud mill-mistoqsijiet mistoqsija kienu dwar kemm il-ktieb kiteb u jekk għandux xi ktieb favorit tiegħu. Hu wieġeb li kotba tat-tfal kiteb ftit aktar minn mija u li hija wisq diffiċli għalih li jagħżel il-ktieb favorit tiegħu. Dan għaliex il-kotba li kiteb huma kollha għeżież għalih u għandhom xi tifsira importanti għalih. Wieħed mill-istudenti staqsih xi kemm idum biex jikteb ktieb. Trevor Żahra spjega li l-aktar li jieħu tul ta’ żmien u ħsieb huwa l-pjan tal-istorja. Jekk ikollu pjan u qafas fuq xiex jibni u jikteb storja il-proċess tal-kitba ma jeħodlux daqstant żmien. Għalhekk spjega li meta l-istudenti stess ikunu se jiktbu xi storja jew aktar ‘il quddiem xi komponiment huwa dejjem importanti li jsir pjan sew tal-istorja. Fl-aħħar ta’ din id-diskussjoni t-tliet għalliema tat-Tieni Sena ġew mogħtija sitt kotba, tlieta bl-Ingliż u tlieta bil-Malti, bħala ringrazzjament mingħand l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u kif ukoll l-Agenda Bookshop. Kull klassi preparat ukoll kanzunetta u żifna relatata ma’ ħrafa li intgħażlet mill-għalliema tal-klassi. Hekk kif it-tfal marru lura fil-klassijiet tagħhom huma ppreżentaw il-kotba tagħhom lil sħabhom. It-tfal urew il-ktieb favorit tagħhom, qalu min hu l-awtur u l-illustratur tal-ktieb li għażlu, rrakkontaw parti mill-istorja magħżula u spjegaw ta’ liema karattru mill-ktieb magħżul huma libsu. Fil-klassijiet saru ukoll attivitajiet varji relatati mal-ħrejjef u stejjer magħżula. Dan il-festin żgur li se jibqa’ mfakkar mal-istudenti u l-għalliema. Attività bħal din ukoll tippromwovi l-importanza u l-imħabba lejn il-qari.














dav 
dav 
dav 
dav