Merħba!

Għeżież Ġenituri / Kustodji
Nixtieq nagħtikom merħba għal din is-sena skolastika 2019-2020. Nħossni tassew onorata li se inkun qed inservi bħala kap tal-iskola Sant’Anna f’Marsaskala. Ħdimna ħafna dan is-sajf sabiex inkunu nistgħu nagħtu lit-tfal tagħkom esperjenza edukattiva tassew eċitanti u sinjifikanti.
Din is-sena l-iskola se tkun qed tiffoka fuq tliet prijoritajiet:

  1. Insaħħu t-tagħlim li jpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru billi niffokkaw aktar fuq il-ħila tal-istudent li jirrevedi xogħlu u anke jagħti l-opinjoni fuq ix-xogħol ta’ħaddieħor;
  2. inkomplu bil-pjan tagħna biex insiru dyslexia-friendly school, jiġifieri skola li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tgħin lit-tfal li għandhom dyslexia;
  3. nippromowvu s-saħħa ħolistika ta’ kull student.
    Aħna tassew nemmnu li fil-ħidma tagħna sabiex nilħqu dawn il-prijoritajiet, se nkunu qed ngħinu lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet kritiċi tagħhom filwaqt li ngħinuhom ukoll iħossuhom kuntenti bihom infushom.
    Bħala komunità edukattiva, wieħed mill-għanijiet tagħna hu li kull student iħossu sigur ġewwa l-iskola. Minn din is-sena se jkun hemm fis-seħħ proċeduri ġodda ta’ dħul u ħruġ mill-iskola. Aktar dettalji dwar dawn il-proċeduri ġodda issibuhom fin-nota annessa ma’din l-ittra. Inħeġġiġkom issegwu l-istruzzjonijiet tal-iskola sabiex nassiguraw li s-sena skolastika tibda’ b’mod strutturat u organizzat. Barra minn hekk, aħna nistennew li iġġibu lit-tfal tagħkom fil-ħin filgħodu. Li tkun fil-ħin hija sinjal ta’rispett u tgħin lit-tfal u anke għalliema jibdew il-ġurnata b’mod aktar trankwil. Ġenituri u kustodji li jġibu lit-tfal tagħhom tard għall-iskola ta’ spiss se jiġu imwissija mill-iskola. Jekk l-affarijiet ma jinbidlux se jkunu qed jiġu rrapportati lill-awtoritajiet.
    Mehmuż ma’ din l-ittra tistgħu issibu ukoll il-kalendarju skolastika għall-ewwel term, flimkien ma’ xi noti addizzjonali li tiġu bżonn matul is-sena. Min-naħa tagħna se nagħmlu minn kollox sabiex id-dati li ktibna fil-kalendarju ma jinbidlux. Jekk se jkun hemm bżonn bdil, tiġu avżati mill-aktar kmieni possibbli. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed inbidlu l-mod kif nfasslu u ngħaddu l-kalendarju lilkom il-ġenituri sabiex inkunu aktar effiċjenti. Ninfurmawkom aħna meta s-sistema il-ġdida tiġi fis-seħħ.
    Filwaqt li nirringrazzjakom tal-koperazzjoni tagħkom, nittama li din is-sena ġdida tkun waħda mimlija esperjenzi pożittivi għall-membri kollha tal-komunità skolastika.
    Dejjem tagħkom,
    RITIENNE BORG SALIBA, Kap tal-Iskola STMC MARSASCALA ST ANNE PRIMARY SCHOOL